Taħriġ
Id-Database ta’ Taħriġ tal-Comenius-Grundtvig toffri firxa ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ li jikkomplementaw u jkattru l-attivitajiet tal-eTwinning u l-iżvilupp professjonali tiegħek. |
Minbarra workshops u attivitajiet ta’ tagħlim organizzati fi ħdan l-Azzjoni eTwinning, id-Database ta’ Taħriġ tal-Comenius-Grundtvig, hija riżorsa eċċellenti biex issir taf dwar opportunitajiet ta’ taħriġ oħra madwar l-Ewropa.
Database ta’ Taħriġ tal-Comenius-Grundtvig
Sir af aktar dwar l-opportunitajiet disponibbli permezz ta’ din id-database mill-intervista ma’ Sylwia Sitka li hija responsabbli għat-taħriġ waqt is-servizz fil-Kummissjoni Ewropea fi Brussell.
X’inhi d-Database ta’ Taħriġ tal-Comenius-Grundtvig?
Id-Database ta’ Taħriġ tal-Comenius-Grundtvig hija katalgu ta’ attivitajiet, inklużi korsijiet ta’ taħriġ, għall-għalliema u l-istaff li ma jgħallmux, li huma mdaħħlin fl-edukazzjoni fl-iskejjel, minn qabel il-primarja sas-sekondarja ogħla u fl-edukazzjoni għall-adulti. L-attivitajiet huma organizzati minn numru ta’ fornituri ta’ taħriġ, li jissottomettu l-offerti ta’ taħriġ tagħhom lill-Aġenziji Nazzjonali, u l-Aġenziji mbagħad jagħżlu u jintroduċu l-attivitajiet fid-Database skont il-kriterji definiti. L-attivitajiet kollha huma għal udjenza internazzjonali u l-għan ġenerali tagħhom huwa li jgħinu l-parteċipanti jtejbu l-kapaċitajiet professjonali tagħhom fil-qasam tal-edukazzjoni.
Kif jistgħu jieħdu sehem l-għalliema tal-eTwinning?
L-għalliema u staff oħra tal-iskola jew tal-edukazzjoni għall-adulti li jixtiequ jipparteċipaw f’attività offruta fid-Database jew xi mkien ieħor jistgħu japplikaw għal għotja li ssostni l-ispejjeż tal-kors, tal-ivvjaġġar, tal-għajxien (l-akkomodazzjoni), u xi drabi anke l-preparazzjoni lingwistika. L-għotjiet jingħataw permezz tal-Azzjoni ta’ Taħriġ waqt is-Servizz tal-Comenius (l-edukazzjoni fl-iskejjel) u programmi settorjali tal-Grundtvig (edukazzjoni għall-adulti) tal-programm edukattiv tal-UE ‘ Tagħlim Tul Il-Ħajja’ (LLP).
L-ewwel punt ta’ informazzjoni huwa l-Aġenzija Nazzjonali tal-Programm ta’ Tagħlim tul il-Ħajja li tinsab fil-pajjiż fejn joqgħod/toqgħod l-għalliem/a. Il-lista tal-indirizzi tal-websajt u dettalji ta’ kuntatt oħra tal-Aġenzija Nazzjonali (LLP) tista’ ssibhom here.
L-Aġenziji Nazzjonali tal-Programm ta’ Tagħlim tul il-Ħajja jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-proċedura tal-applikazzjoni (pereżempju, l-iskadenzi tal-applikazzjonijiet, il-formola tal-applikazzjoni u dokumentazzjoni oħra) u jorganizzaw il-proċess tal-għażla. Meta jikkuntattjaw lill-Aġenzija, l-għalliema interessati għandhom jistaqsu dwar l-azzjoni tat- “Taħriġ Waqt is-Servizz” jew fil-qosor, “IST”.
Il-proċedura tal-applikazzjoni pass pass hija wkoll deskritta tajjeb ħafna fl- “Istruzzjonijiet għat-Tiftix fid-Database tal-Comenius-Grundtvig u għall-Applikazzjoni ta’ Għajnuna għat-Taħriġ” disponibbli bl-Ingliż u bil-Franċiż here.
Nirrakkomanda bis-sħiħ li taqraw b’attenzjoni t-taqsima tal- “Istruzzjonijiet” billi din tagħti wkoll informazzjoni utli dwar kif tuża d-Database u kif tipproċedi biex tapplika għall-korsijiet.
X’tip ta’ opportunitajiet għat-taħriġ huma disponibbli?
Il-parti l-kbira tal-attivitajiet offruti fid-Database huma korsijiet għal żvilupp professjonali, li kienu wkoll l-aktar popolari. It-temi tal-korsijiet ikopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti minn metodoloġija ġenerali u speċifika għas-suġġett sal-ICT u d-dinamika tal-klassi u t-tmexxija tal-iskejjel.
Attivitajiet oħra jinkludu konferenzi Ewropej u seminars fil-qasam tal-edukazzjoni organizzati fi ħdan il-Proġetti Multinazzjonali u Netwerks tal-Comenius u l-Grundtvig, u attivitajiet ta’ job shadowing. L-attività ta’ taħriġ għandha ssir f’pajjiż li huwa differenti mill-pajjiż tar-residenza tal-applikant jew fejn hu jew hi jaħdem/taħdem.
Madankollu, jekk għalliem/a ma jsibx/ssibx attività addattata fid-Database, hu jew hi jistgħu japplikaw għal attività ta’ taħriġ tal-għażla tagħhom. L-eliġibbiltà tal-attività ta’ taħriġ tista’ tkun ivverifikata mad-deskrizzjoni tal-Azzjoni tal-IST tal-Comenius fil-Gwida tal-2009 tal-Programm ta’ Tagħlim tul il-Ħajja (Parti II – Spjegazzjonijiet permezz ta’ Azzjonijiet) disponibbli here.
X’jiggwadanjaw l-għalliema minn dawn l-attivitajiet ta’ taħriġ?
’Il fuq minn 90% tal-parteċipanti rrappurtaw li kienu sodisfatti jew sodisfatti ħafna bl-attivitajiet ta’ taħriġ barra l-pajjiż. L-akbar benefiċċju jidher fl-iżvilupp professjonali u personali tagħhom.
L-għalliema jtejbu t-tagħlim, it-tmexxija tal-klassi u l-ħiliet tal-lingwi barranin tagħhom, isiru aktar konxji tad-differenzi fis-sistemi edukattivi fl-Unjoni Ewropea, jistabbilixxu relazzjonijiet soċjali u professjonali ma’ għalliema minn pajjiżi oħra, u jitgħallmu aktar dwar opportunitajiet oħra ta’ koperazzjoni fl-UE. Ħafna drabi l-parteċipazzjoni f’attività ta’ taħriġ barra l-pajjiż tirriżulta f’proġetti tal-iskola tal-Comenius fil-ġejjieni.
X’suġġerimenti tagħti lill-eTwinners interessati li jipparteċipaw?
- L-ewwel nett, ikkuntattja l-Aġenziji Nazzjonali tal-Programm ta’ Tagħlim tul il-Ħajja biex tikseb l-informazzjoni l-aktar aġġornata dwar il-proċedura tal-applikazzjoni u l-assistenza disponibbli għall-applikanti.
- Agħżel l-attività ta’ taħriġ li l-aktar taqbel mal-bżonnijiet ta’ żvilupp tiegħek.
- Il-Lista ta’ Kontroll li hemm fil-Formola tal-Applikazzjoni tgħinek tiżgura li l-attività ta’ taħriġ hija eliġibbli għal għotja.
- Imla l-formola tal-applikazzjoni b’attenzjoni, billi tirrispondi l-mistoqsijiet kollha u tehmeż id-dokumentazzjoni addizzjonali kollha. Ħafna applikazzjonijiet jiġu rrifjutati għaliex il-formoli tal-applikazzjoni ma jkunux mimlija kollha jew ikunu mimlija ħażin!
- Meta tingħata għotja, agħti ħarsa lejn il-websajt tal- European Mobility Alumni Network biex tuża l-esperjenza ta’ taħriġ internazzjonali bl-aħjar mod.
- Aqsam l-esperjenza u l-għarfien il-ġdid tiegħek mal-kollegi d-dar.
- Gawdi l-esperjenza Ewropea ta’ tagħlim!
 |
- Editur tal-Web: Christina Crawley
- Ippubblikat: 11.06.2009
- Mibdul l-aħħar: 23.09.2009
|
 |
|