Homepage>>Aġġorna ruħek>>Aħbarijiet>> Intervista ma’ Geert Kessels, Maniġer tal-Proġett f’EUROCLIO, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Edukaturi tal-Istorja
Intervista ma’ Geert Kessels, Maniġer tal-Proġett f’EUROCLIO, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Edukaturi tal-Istorja

Alt Image
EUROCLIO, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Edukaturi tal-Istorja, waħda mill-‘ħbieb tal-eTwinning'li toffri taħriġ u seminars għall-għalliema tal-Istorja fuq livell Ewropew. Reċentement iltqajna mal-Maniġer tal-Proġett Geert Kessels u staqsejnih xi mistoqsijiet dwar il-pjattaforma ta’ EUROCLIO.

X’inhu l-valur miżjud għall-membri ta’ EUROCLIO?

 
Il-valur miżjud prinċipali ta’ EUROCLIO huwa relatat ma’ opportunitajiet ta’ taħriġ/seminars li noffru. Biex wieħed ikun parti minnha jista’ japplika għal għotjiet individwali tal-Grundtvig. Aħna l-unika pjattaforma fuq livell Ewropew li noffru taħriġ u seminars li jlaqqgħu flimkien lill-għalliema tal-Istorja biex ikunu jistgħu jaqsmu u jiddiskutu wiċċ imb wiċċ.
 
Il-parti l-kbira tal-membri tagħna huma organizzazzjonijiet tal-għalliema tal-Istorja. Għalhekk, jekk l-għalliema tal-Istorja jixtiequ jkunu jafu aktar dwar EUROCLIO għandhom jagħmlu kuntatt mal-assoċjazzjoni nazzjonali tagħhom jew jiċċekkjaw il-websajt tagħna
 
Tista’ tagħtina eżempju ta’ attività reċenti ta’ suċċess immexxija minn EUROCLIO?
 
Ilna organizzazzjoni bbażata fuq proġetti għal 20 sena, għalhekk għandna firxa wiesgħa ta’ proġetti. Iżda reċentement ħdimna mill-qrib ma’ pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u l-Balkani biex nintegraw metodoloġiji ġodda fil-kurrikulu. Il-proċess huwa biex niġbru għalliema mill-oqsma kkonċernati biex jaħdmu b’koperazzjoni fuq korsijiet komuni tal-istorja. 
 
Għadkom kemm nedejtu portal bl-isem Historiana. Tista’ tgħidilna aktar dwaru? 
 
Il-websajt toffri l-ewwel soluzzjoni alternattiva għall-idea ta’ Ktieb Akkademiku tal-Istorja Ewropea. Jieħdu sehem tletin pajjiż mill-Ewropa u lil hinn. L-għalliema jistgħu jiżviluppaw u jtellgħuh materjal ġdid; imbagħad il-bord editorjali magħmul minn għalliema u esperti jevalwaw il-materjal u jiddeċiedu jekk huwiex siewi li jiġi ppubblikat. 
 
Fi klima ta’ sentimenti dejjem jiżdiedu ta’ nazzjonaliżmu fl-Ewropa, il-promozzjoni ta’ rikonoxximent kritiku u rispett reċiproku isir kruċjali. X’inhi l-opinjoni ta’ EUROCLIO dwar din ix-xejra?
 
Il-ġlieda kontra l-qawmien tan-nazzjonaliżmu hija waħda mill-għanijiet prinċipali tagħna. Il-koperazzjoni tagħmilha possibbli nilqgħu kontra l-isterjotipi. B’hekk il-kollaborazzjoni tal-għalliema mill-istess qasam huwa fundamentali.
 
Dan l-approċċ għandu jiġi applikat kemm jista’ jkun f’pajjiżi li għadhom kemm ħarġu minn kunflitt (il-Balkani, il-Kawkasu) kif ukoll għal pajjiżi tal-Lvant.  Historiana hija waħda mill-għodod li tista’ tintuża b’dan il-mod. L-eTwinning qiegħed jiġġieled kontra l-qawmien tal-estremiżmu billi joffri pjattaforma għad-diskussjoni u l-qsim. L-eTwinning joħroġ lill-istudenti mill-isfera nazzjonali tagħhom. B’hekk jarrikkixxi l-għarfien tagħhom.
 
L-eTwinning joffri alleanza naturali bejn l-għalliema tal-Istorja minn madwar l-Ewropa.  Permezz tal-għodod ta’ komunikazzjoni u l-opportunitajiet tan-netwerks soċjali tal-eTwinning, u l-abbundanza ta’ riżorsi offruti minn EUROCLIO, l-għalliema tal-Istorja jistgħu jsibu bażi komuni biex jikkomunikaw u jibnu proġetti flimkien. Dan ovvjament mhuwiex ristrett għall-għalliema tal-Istorja biss, għalliema oħra li qed ifittxu temi ta’ interess storiku jistgħu wkoll jibbenefikaw mir-riżorsi offruti minn EUROCLIO.