Fl-Ewropa, hemm madwar 70 fruntiera bejn il-pajjiżi. Fost dawn, 25 huma fruntieri tal-lingwa. Permezz tal-eTwinning, ħafna skejjel qed jaqbżu dawn il-fruntieri bill jitgħallmu l-lingwi ta’ xulxin.
Il-lingwi jqarrbu n-nies lejn xulxin. Filwaqt li l-benefiċċji professjonali tat-tagħlim tal-lingwi huma ħafna, il-vantaġġi kulturali ulterjuri li tkun tista’ tikkomunika ma’ persuni minn nazzjonijiet ġirien huwa daqstant importanti. Ħafna drabi, lingwa ta’ komunikazzjoni komuni bejn persuni minn pajjiżi differenti lanqas hija neċessarjament il-lingwa nattiva. Iżda, fl-eTwinning, ħafna skejjel qed jagħmlu l-oppost: huma qed jitgħallmu u jikkomunikaw fil-lingwa tal-pajjiżi ġirien tagħhom biex javviċinaw lil xulxin fuq għadd ta’ livelli.
Proġetti tal-eTwinning bejn pajjiżi ġirien huma ideali għat-tagħlim tal-lingwi għaliex mhux biss jippermettu lill-istudenti jkattru l-ħiliet konjittivi tagħhom f’termini tal-kisba tal-lingwi, iżda wkoll l-abbilitajiet soċjali u akkademiċi tagħhom. Sabina Vecchione Gruener hija għalliema Taljana. Bħala għalliema tal-Ġermaniż ibbażata fi Trieste, li studjat ukoll is-Serbo-Kroat u l-Islovakk fl-università, hi għandha apprezzament kbir għal-lingwi tal-ġirien tagħha u f’ħafna modi hija pijunier f’dan il-qasam. Meta staqsejniha liema lingwi tgħallem, hi ħasbitha sew qabel wieġbet. “Insomma… Jiena ngħallem il-Ġermaniż. L-università studjajt lingwi barranin, speċifikament il-Ġermaniż, is-Serbo-Kroat u l-Islovakk. Jiena ngħid hekk biex nuri li anke dak iż-żmien, kont konxja li kont nappartjeni pajjiż li jmiss ma’ ħafna oħrajn, pajjiż multikulturali, u din hija xi ħaġa li żammejt miegħi matul is-snin .”
F’termini tal-esperjenza kurrenti tat-tagħlim tagħha, Sabina taħseb li l-istudenti tagħha ggwadanjaw ħafna mill-klassijiet tagħhom, mhux biss mil-lat lingwistiku, iżda wkoll minn wieħed storiku. “It-tagħlim tal-Ġermaniż fi Trieste huwa speċjali ħafna,għaliex Trieste għandha rabta mill-qrib mal-kultura Ġermaniża: kienet parti mill-Imperu Habsburgu għal bosta mijiet ta’ snin, u dan l-isfond storiku huwa rifless fid-djalett, fit-tradizzjonijiet kulinarji, f’bosta espressjonijiet…”
Meta titkellem dwar l-esperjenza tal-proġett tal-eTwinning tal-istudenti tagħha, li tinkludi l-iskoperta ta’ tali fatturi, hija sabet li għal ħafna miż-żgħażagħ il-proġett kien skoperta tagħhom infushom. “[…] Pereżempju, is-sejba ta’ xi kliem fil-vokabolarju Ġermaniż li jinstabu wkoll fid-djalett tagħna, jew l-iskoperta li l-ħbieb Awstrijaki tagħna jieklu l-istess affarijiet li nieklu aħna, meta dejjem kienu jaħsbu li dawn kienu speċjalitajiet tagħna, dan kollu jippermettilna niskopru fl-istess waqt kemm il-ġirien tagħna huma parti minna wkoll.”
Taqsam il-fruntiera, l-imsieħba tal-eTwinning ta’ Sabina, Cornelia Esterl li hija għalliema Awstrijaka tat-Taljan fi Klagenfurt. Għal Cornelia, it-tagħlim tal-lingwa ta’ pajjiż ġar huwa importanti fuq ħafna livelli. “Mhuwiex biss għal raġunijiet ekonomiċi, iżda r-raġunijiet kulturali wkoll jispjegaw għaliex għandek titgħallem il-lingwa tal-ġar tiegħek.” Fir-rigward tal-esperjenza tal-istudenti tagħha“L-istudenti jesperjenzaw il-lingwa mhux biss bħala lingwa mgħallma fl-iskola, iżda fil-fatt bħala lingwa li tappartjeni kultura, li fiha jistgħu jieħdu sehem ukoll, jekk iridu.” Fruntiera komuni fissret ukoll li l-istudenti ta’ Cornelia u Sabina setgħu jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ. B’dan il-mod, it-tagħlim kemm tal-Ġermaniż kif ukoll tat-Taljan għandu għan veru għall-istudenti – imbagħad ikunu jistgħu jsiru vjaġġaturi internazzjonali, kommunikaturi internazzjonali.
Signe Slothhija għalliema fid-Danimarka. Hi u l-istudenti tagħha ssieħbu ma’ skola fl-Isvezja biex jitgħallmu l-lingwi ta’ xulxin permezz tal-kanzunetti, taż-żfin u tal-letteratura. Għalkemm l-Isvediżi u d-Daniżi jaqsmu familja ta’ lingwa komuni, Signe tispjega li l-istudenti kellhom bżonn imbuttatura akbar biex jitgħallmu din il-lingwa ġara. “Il-lingwi tad-Danimarka u tal-Isvezja huma simili ħafna. Iżda jekk tistaqsi klassi ta’ skola Daniża, forsi jkun hemm 2 jew 3 minn 20 student li marru l-Isvezja. […] Ma jafu xejn dwar il-lingwa Svediża u jaħsbu li assolutament ma jifhmux il-lingwa. Għalhekk, wieħed mill-għanijiet f’dan il-proġett kien li għandhom jitgħallmu jifhmu l-lingwa l-oħra, u għalhekk kien ipprojbit li jitkellmu bl-Ingliż (lingwa mitkellma miż-żewġ gruppi) fil-proġett.”
Rigward it-twassil tal-kuntest lill-istudenti waqt it-tagħlim ta’ lingwa, Ria de Wilde, mill-komunità Belġjana li titkellem bl-Olandiż, tispjega li għaliha, it-tagħlim tal-lingwa tal-ġirien tagħhom fi Franza saret attività divertenti għall-istudenti għaliex huma jistgħu jingħaqdu u jiddiskutu ma’ xulxin dwar l-interessi komuni tagħhom fil-Kummerċ Ġust. “L-istudenti fi Franza kitbu dokument dwar dan is-suġġett u l-istudenti tagħna kienu interessati wkoll, huma jistudjaw l-ekonomija u għalhekk huma interessati fil-Kummerċ Ġust ukoll iżda minn angolu ieħor, u b'hekk nikkoperaw biex nitgħallmu l-lingwa.” Meta jiffokaw il-kontenut ta' kollaborazzjoni fuq suġġett ta’ interess, jinkiseb kemm l-interess kif ukoll il-konnessjoni bejn l-istudenti.
Dak li hu komuni bejn Sabina, Cornelia, Signe u Ria huwa li, permezz tal-lingwa, id-“differenti” ġab is-“simili”. Studenti li litteralment qatt ma ltaqgħu ma’ studenti minn pajjiż li għandu l-fruntieri jmiss ma’ tagħhom f’daqqa waħda rrealizzaw li jaqsmu ħafna storja, jogħġbuhom l-istess tip ta’ mużika u filmati, u f’xi każi kellhom eżatt l-istess espressjonijiet – li xi wħud minnhom lanqas biss huma komuni f’pajjiżhom stess. Billi jaqsmu l-fruntieri tal-lingwi, kemm l-istudenti kif ukoll l-għalliema jsibu lilhom infushom b’ħiliet ġodda, għarfien ġdid u forsi l-aktar importanti, ħbieb ġodda.
Informazzjoni addizzjonali:
Sir af aktar dwar il-proġett rebbieħ tal-eTwinning Ewropew 2011 għall-kategorija speċjali dwar il-lingwa ta’ pajjiż ġar