Border left Border top
Ipprintja din il-paġna Print separator font size little Font size medium Font size large separator Button search
Border right

Għodod għas-Sottotitolaġġ: Eċċellenti għall-vidjos tal-eTwinning

picture


Hekk kif il-vidjos ibbażati fuq il-web qed isiru aktar u aktar popolari, ara kif inti tista’ tuża għodod online ħfief biex tagħmel il-vidjos tiegħek tal-eTwinning multilingwali biex ikun jista’ jgawdihom kulħadd.

Il-vidjos online qed jikkompetu mat-televiżjoni fl-użu popolari madwar id-dinja. Jekk inti qed tagħmel, jew interessat tagħmel, vidjos mal-istudenti tiegħek, jagħmel ħafna sens jekk tipprova tuża l-għodod għas-sottotitolaġġ online biex iżżid dimensjoni lingwistika kompletament ġdida għall-vidjos tiegħek. F’dan l-artiklu se neżaminaw ir-razzjonal għas-sottotitolaġġ, xi proċessi involuti u nirrevedu xi wħud mill-għodod eżistenti li huma disponibbli fuq l-Internet illum.

 

  1. Għalfejn għandek tuża s-sottotitli?
  2. L-għanijiet tal-użu tas-sottotitli
  3. L-użu tas-sottotitli biex titgħallem il-lingwa tal-ġirien tiegħek
  4. Il-benefiċċji tal-użu tas-sottotitli biex titgħallem lingwi barranin
  5. Il-limitazzjonijiet fl-użu tas-sottotitli biex titgħallem lingwi barranin
  6. Is-sistemi meħtieġa għas-sottotitolaġġ
  7. Prerekwiżiti Personali
  8. Għodod għas-Sottotitolaġġ



1. Għalfejn għandek tuża s-sottotitli?

Is-sottotitli tal-vidjos huma minjiera tad-deheb ta’ potenzjal li għadu ma ntużax. Dawn jagħmlu l-vidjoklipps aċċessibbli għal udjenzi neqsin mis-smiegħ jew li ma jisimgħux ħafna; jagħmluha possibbli għalina lkoll biex naraw il-kontenut ta’ vidjos f’lingwi li ma nitkellmuhomx, jagħtu lil minn joħloq il-vidjos aċċess għal udjenza ħafna akbar u potenzjalment multilingwali u globali. Għandek tikkonsidra li tuża l-għodod tas-sottotitolaġġ jekk tixtieq ittejjeb il-vidjoklipps tiegħek, jekk tixtieq tesprimi l-ħsibijiet u l-ideat tiegħek dwar kontenut ta’ vidjos eżistenti billi żżid il-kummentarji tiegħek, u jekk għandek bżonn tinvolvi ruħek f’modi ġodda ta’ qsim ta’ vidjos online.

Aċċessibilità:Ii n-nies jingħatawlhom aktar modi kif jaċċessaw il-kontenut ta’ vijdos ibbażat fuq ll-web – għandu jkun il-ħsieb prinċipali li jkun hemm wara l-għodod tas-sottotitolaġġ. Meta tagħmel sottotitli fuq il-vidjoklipps tiegħek ibbażati fuq ll-web, inti tkabbar il-firxa tagħhom. Dan huwa mod tajjeb ħafna biex iżżid valur lill-vidjoklipps tiegħek, mill-perspettiva tal-aċċessibilità msemmija hawn fuq, mix-xewqa li tilħaq udjenza barra mil-lingwa tal-vidjos tiegħek, jew anke biex tannota l-kontenut tiegħek.

L-għodod tas-sottotitolaġġ mhux se jiktbulek is-sottotitli b’mod maġiku u s-sottotitolar qatt mhu se jkun l-aktar biċċa xogħol ta’ malajr li qatt intasabt bilqiegħda biex tagħmel – iżda b’danakollu huwa mod mill-aqwa biex tespandi l-orizzonti tal-kontenut tal-vidjos tiegħek. Il-viżjoni aħħarija tkun li tipprovdi sottotitli eżatti għall-vidjoklipps kollha fil-lingwi kollha, u b’hekk tħaddan il-kapaċità li tegħleb il-barrieri tal-aċċessibilità u tal-lingwa għall-vidjos ibbażati fuq il-web.


2. L-għanijiet tal-użu tas-sottotitli

  • Is-sottotitli jgħinu lit-tfal fl-għarfien, it-tifsira, l-akkwist u żżamma tal-kliem.
  • Il-qari tas-sottotitli jimmotiva lill-udjenza jaqraw aktar u jaqraw aktar ta’ spiss.
  • Is-sottotitli jgħinu lit-tfal jistabbilixxu rabta sistematika bejn il-kelma miktuba u dik mitkellma speċjalment f’lingwi li huma miktuba b’mod anqas fonetiku.
  • Għal dawk li għadhom ma bdewx jaqraw, li jsiru familjari mas-sottotitli, jagħtihom punti ta’ referenza familjari meta jibdew jaqraw materjal miktub.
  • Is-sottotitolaġġ instab li huwa relatat ma’ ħiliet ogħla ta’ fehim meta mqabbla ma’ udjenzi li jaraw l-istess midja mingħajr is-sottotitli.
  • It-tfal li jkollhom esperjenza pożittiva fil-qari jkunu jridu jaqraw aktar; il-qari tas-sottotitli jipprovdi din l-esperjenza.
  • Il-qari huwa ħila li teħtieġ il-prattika, u l-prattika fil-qari tas-sottotitli hija prattika b’kitba ġenwina.
  • Is-sottotitli jipprovdu informazzjoni li hija nieqsa għal persuni li għandhom diffikultà fl-ipproċessar tal-kliem u ta’ komponenti awditarji tal-midja viżwali (irrispettivament minn jekk din id-diffikultà hijiex minħabba t-telf tas-smiegħ jew dewmien konjittiv).
  • Ħafna drabi l-istudenti jkollhom bżonn l-għajnuna fit-tagħlim ta’ vokabolarju ta’ kontenut relevanti (fil-bijoloġija, fl-istorja, fil-letteratura u f’suġġetti oħra), iżda bis-sottotitli huma jaraw kemm it-terminoloġija (il-kelma miktuba) kif ukoll l-immaġni viżwali.
  • Is-sottotitolaġġ huwa essenzjali għat-tfal neqsin mis-smiegħ jew li ma jisimgħux tajjeb, jista’ jkun ta’ benefiċċju għal dawk li qed jitgħallmu lingwa barranija, jista’ jgħin lil dawk li għandhom problemi fil-qari u ta’ analfabetiżmu u jista’ jgħin lil dawk li qed jitgħallmu jaqraw.


3. L-użu tas-sottotitli biex titgħallem il-lingwa tal-ġirien tiegħek

It-tħaddin tal-kultura ta’ pajjiż ġar ħafna drabi jikxef similaritajiet marbuta ma’ storja komuni jew ġografija komuni, li ħafna drabi jħaffu l-koperazzjoni. It-tagħlim tal-lingwa u tal-kultura tal-pajjiż ġar jimplika li hemm rispett u fehim reċiproku tal-'ieħor'. Xi drabi dan ifisser li tħalli warajk storja mqallba fir-relazzjonijiet u tegħleb il-preġudizzji li ħafna drabi huma indirizzati lejn il-ġirien u l-"barranin" li jgħixu fostna.

It-tagħlim flimkien ma’ pajjiżi ġirien, il-mod kif jiġi organizzat it-tagħlim ta’ lingwi barranin li jġib flimkien kelliema ta’ żewġ lingwi materni differenti li jgħixu f’pajjiżi ġirien biex jitgħallmu u jgħallmu l-lingwi u l-kulturi ta’ xulxin b’mod reċiproku, beda f’laqgħat barra mill-iskola, iżda forom ta’ skambju fil-livell tal-iskola primarju u sekondarju jistgħu jkunu stabbiliti b’suċċess permezz ta’ proġetti, ċċentrati madwar attivitajiet bħall-produzzjoni ta’ sottotitli għal vidjoklipps magħżula. L-użu ta’ sottotitli għall-vidjos bil-lingwa/i tal-ġar tiegħek jista’ jipprovdi sors dinamiku u rikk tal-lingwa komunikattiva li qed tintuża.

 

4. Il-benefiċċji tal-użu tas-sottotitli biex titgħallem lingwi barranin


Eżatt bħal meta tieħu n-noti waqt lekċer jgħinek iżżomm materjal anke jekk qatt ma terġa’ tħares lejn dawn in-noti, l-istudenti li wkoll jaqraw verżjoni miktuba ta' vidjo aktar jiftakru vokabolarju u dettalji speċifiċi milli kieku le.

Vidjoklipp issottotitolat jipprovdi konnessjoni tripla bejn l-immaġni, il-ħoss f’lingwa waħda u l-kitba (normalment f’oħra, iżda mhux dejjem), il-ħoss u l-kitba jkunu tipikament marbuta flimkien permezz ta’ traduzzjoni. Din it-tip ta’ konnessjoni ġeneralment tinkoraġġixxi assoċjazzjonijiet b’saħħithom għaż-żamma u l-użu tal-lingwa. Jekk nikkunsidraw l-effetti supplementari li kemm l-immaġnijiet viżwali u t-traduzzjoni li waħedhom tipikament iħallu fit-tagħlim ta’ lingwi barranin, il-kombinazzjoni tagħhom hawnhekk bilfors tkun tassew qawwija.

Dawn huma xi wħud mill-benefiċċji tal-użu ta’ sottotitli f’attivitajiet ta’ tagħlim tal-lingwi:

  • L-użu tagħhom jagħmel pont bejn il-qabża li hemm bejn il-ħiliet tal-qari u tas-smiegħ.
  • L-istudenti jistgħu jitgħallmu jipproċessaw kitba fil-lingwa barranija b’mod veloċi u jtejbu l-qari veloċi tagħhom, billi jipprovaw ilaħħqu mas-sottotitli li jakkumpanjaw id-djalogi.
  • L-istudenti jistgħu jitgħallmu kif jippronunċjaw ħafna kliem, konxjament u inkonxjament.
  • L-istudenti jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tal-għarfien tal-kliem.
  • Is-sottotitli jistgħu jgħinu lill-istudenti jiksbu vokabolarju u idjomi ġodda.
  • L-istudenti jistgħu jifhmu l-umoriżmu (bħal ċajt) li jkun diffiċli tifhem mingħajr l-għajnuna tas-sottotitli.
  • Is-sottotitli jistgħu jimmotivaw lill-istudenti biex jistudjaw il-lingwa barranija barra l-kuntest tal-klassi, speċjalment billi jaraw it-televixin u vidjos ibbażati fuq il-web, waqt li jisimgħu d-djalogi oriġinali.

 
5. Il-limitazzjonijiet fl-użu tas-sottotitli biex titgħallem lingwi barranin


Hemm żewġ ostakli ewlenin fl-użu tas-sottotitli fl-edukazzjoni ta’ lingwi barranin. Wieħed huwa li l-istudenti jistgħu jikkonċentraw wisq fuq il-qari tas-sottotitli u jinjoraw id-djalogi mitkellma. Iżda, din il-problema tista’ tissolva billi tipprepara kompiti speċifiċi li jġiegħlu lill-istudenti joqogħdu attenti għad-djalogi, biex jidraw jagħmlu ż-żewġ attivitajiet, il-qari u s-smiegħ, fl-istess ħin jew b’mod alternattiv.

It-tieni problema tittratta dwar id-diffikultà biex tneħħi d-drawwa tal-qari tas-sottotitli ladarba l-istudenti jidraw jagħmlu dan. L-għalliem irid imbagħad jipprepara kompiti li jgħaqqdu l-użu tas-sottotitli mal-wiri mingħajrhom, jew xi kompiti oħra li jistgħu jgħinu lill-istudenti jħossuhom ugwalment siguri bi jew mingħajr l-għajnuna tas-sottotitli. B’dan il-mod, l-għajnuna titneħħa bil-mod il-mod, bħall-armar, sakemm l-istudenti jħossuhom totalment komdi jgħaddu mingħajrha għal kollox.


6. Is-sistemi meħtieġa għas-sottotitolaġġ

 

Ħtiġijiet tas-sistema ġenerali:

  • Adobe Flash Player 10.0.22+ plug-in
  • Firefox 1.1+, Internet Explorer 7.0+, Google Chrome, Safari jew Opera
  • konnessjoni broadband b’500+ Kbps 

Ħtiġijiet speċifiċi għall-PC:

  • pjattaforma: Windows 2000 jew aktar bl-aħħar aġġornamenti installati
  • proċessur: 500MHz jew aktar veloċi
  • RAM: 128MB jew aktar
  • vidjowkard: mill-anqas 64MB ta’ memorja tal-vidjo
  • sound card: mill-anqas 16-bit

Ħtiġijiet speċifiċi għal Mac:

  • pjattaforma: Mac OS X 10.3 jew aktar bl-aħħar aġġornamenti installati
  • proċessur: 1.83MHz Intel Core Duo jew aktar veloċi
  • RAM: 128MB jew aktar
  • vidjowkard: mill-anqas 64MB ta’ memorja tal-vidjo
  • sound card: mill-anqas 16-bit

 
7. Prerekwiżiti personali

 

1) Ħiliet lingwistiċi:

  • Ħiliet eċċellenti fil-lingwa materna
  • Mill-anqas livell B2 fuq il-Qafas Ewropew Komuni tar-Referenza tal-Lingwi fit-tieni (it-tielet jew aktar) lingwa / il-lingwa barranija, fejn applikabbli
  • Ħiliet tajbin tad-traduzzjoni, fejn applikabbli
  • Ħiliet ta’ editjar u spotting
  • L-abbiltà li tifhem u tuża lingwa idjomatika 

2) L-abbiltà li tipprijoritizza u tiġbor fil-qosor

3) Ħiliet prattiċi tal-ICT – lil hinn mill-bażiku

4) Tħobb tistaqsi

5) Imħabba għal xogħol ta’ preċiżjoni u paċenzja

6) Affidabbiltà

 

8. Għodod tas-sottotitolaġġ

 

Maħluq minn Miro u l-Fondazzjoni tal-Kultura Parteċipatorja u appoġġata minn Mozilla Drumbeat, Universal Subtitles huwa mod faċli biex iżżid sottotitli, didaskaliji jew biex tittraduċi vidjoklipps. Din taħdem fuq dawn is-siti u formati: YouTube, vimeo, blip.tv, h.264 u HTML5, fl-istil ta’ Wikipedia. Is-softwer huwa b’xejn u open source u jista’ jintuża minn kulħadd. 

Kif jaħdem?

Irreġistra fuq is-sit, issottometti l-vidjo tiegħek, żid il-widget ta’ Universal Subtitles mal-vidjoklipp, ikklikkja l-buttuna “agħmilli s-sottotitli” u ibda ttajpja dak li tisma’. Wara issinkronizza s-sottotitli u rrevedi x-xogħol tiegħek. Imbagħad tingħata kodiċi ta’ integrazzjoni li tista’ tqiegħed fuq kwalunkwe websajt.

Is-sottotitli jiġu ssejvjati fuq universalsubtitles.org, iżda tista’ tniżżilhom. Ladarba jkun hemm is-sottotitli, kulħadd ikun jista’ jżid traduzzjoni fi kwalunkwe lingwa. L-udjenza tista’ wkoll ittejjeb is-sottotitli u t-traduzzjoni diġà eżistenti – b’dan il-mod, is-sottotitli dejjem jitjiebu, l-istess bħal artiklu fuq Wikipedia. Hemm klassijiet privati tajbin fuq is-sit. Wieħed jista’ wkoll jaqra l-blogg Universal Subtitles u jsegwi Universal Subtitles fuq Facebook u Twitter.

Kif tispikka?

It-tajping huwa bil-bosta l-aktar parti li teħodlok il-ħin mix-xogħol kollu tas-sottotitolaġġ, għalhekk huwa tassew tajjeb li Universal Subtitles jottimizza għall-effiċjenza fit-tajping billi jissepara dan ix-xogħol mix-xogħol ta' sinkronizzar ta’ vidjoklipp.

 

Editur bla ħlas Overstream jippermettilek toħloq u tissinkronizza s-sottotitli fuq kwalunkwe vidjoklipp online fuq YouTube, Google Video, MySpace Video, Veoh, blip.tv, Archive.org u vimeo, taħżinhom fuq is-server ta’ Overstream u tibgħat link ta' overstream tal-vidjo sototitolat lil ħbiebek.

Kif taħdem?

L-aktar mod faċli huwa li tirreġistra fuq is-sit u żżid bookmark speċjali fit-toolbox tiegħek ta’ Firefox. Waqt li qed tara vidjo fuq kwalunkwe websajt, meta tikklikkja fuq il-bookmark, titla’ interface sempliċi iżda effettiva, li żżid kliem li jinqraw fi kwalunkwe punt fil-vidjoklipp.

Għall-brawżers l-oħra, ikollokk tilloggja u tikklikkja l-buttuna ‘Oħloq Overstream’. Hemm klassijiet privati tajbin fuq dan is-sit. Wieħed jista’ wkoll jaqra Overstream blogg, forum u aħbarijiet.

 

dotSUB hija teknoloġija bbażata fuq il-brawżer għas-sottotitolaġġ ta’ vidjokilpps f’kull u minn kull lingwa. dotSUB tħallik tara, ittella’ u tagħmel sottotitli fuq vidjoklipps fuq il-web. M’għandekx għalfejn tniżżel, tixtri jew tinstalla ebda softwer. Kull m’hemm bżonn hu li tirreġistra fuq is-sit.

Kif taħdem?

Tista’ ttella’ l-vidjos tiegħek stess (dotSUB taċċetta l-formati ta’ fajls diġitali kollha, limitu ta’ qies: 700MB) u ssottotitolahom inti stess, jew iftaħhom għal kull min ikun jixtieq jissottotitola l-vidjoklipp fil-lingwa tiegħu f’ambjent ta’ ‘wiki’. Tista’ wkoll taqsam il-vidjos tiegħek mal-kumplament tad-dinja billi tintegrahom fuq siti oħra, kompluti b’sottotitli f’lingwi multipli.

Huwa possibbli wkoll ittella’ fajl a .flv minn indirizz tal-Internet eżistenti. Hemm klassijiet privati tajbin fuq is-sit. Wieħed jista’ wkoll jaqra l-paġna ta’ għajnuna ta’ dotSUB u l-blogg. Ara kif taħdem fil-prattika għall-għalliema tal-eTwinning Spanjol.

Kif tispikka?

  1. Jekk għandek iċ-ċekkjatur ta’ Google jew Firefox fit-toolbar tiegħu, tista’ tużahom meta tkun qed taħdem online fuq dotSUB.
  2. Utenti multipli jistgħu jissottotitolaw l-istess vidjo f’ħin reali – iżda, utent wieħed biss kull darba jista’ jibdel linja partikolari f’xi ħin.

 

YouTube tippermetti lill-utenti jżidu captions awtomatiċi fuq il-vidjos tagħhom. L-għarfien tat-taħdit jintuża biex jittraskrivi awtomatikament dak li jintqal bl-Ingliż fuq il-vidjo. Captions awtomatiċi jeħtieġu trekk awdjo mitkellem b’mod ċar. Vidjos b’ħafna ħoss fl-isfond jew vuċi mitfija ma jistgħux jintużaw bħala captions awtomatiċi.

Kif taħdem?

Jeħtieġ tidħol fil-kont tiegħek ta’ YouTube u tqiegħed il-maws fuq isem l-utent li jinsab fuq il-lemin tar-rokna ta’ fuq ta’ kull paġna. Ladarba tikklikkja fuq ‘Il-Vidjos Tiegħi’, tintbagħat lejn paġna li turi l-vidjos li tellajt. Sib il-vidjo li tixtieq iżżid is-sottotitli fuqu u kklikkja fuq il-vleġġa ’l isfel li tinsab lejn il-lemin tal-buttuni ‘Editja’ u ‘Insight’. Agħżel il-buttuna ‘Captions u Sottotitli’ mill-menù drop-down. Ikklikkja l-buttuna ‘Itlob l-Ipproċessar’. Inti tara ‘Traskrizzjoni bil-magna (ipproċessar)’ fil-lista tat-trekks tal-captions disponibbli. Normalment jieħu xi ftit ġranet biex it-trekk tal-għarfien tat-taħdit ikun disponibbli għall-wiri. Issa jkollok tiċċekkja t-traskrizzjoni biex tkun żgur li dan huwa preċiż.

Ovvjament hemm ħafna għodod ta’ sottotitolaġġ oħra, bħal: CaptionTube, Subtitle Horse, Jubler. Inti tista’ tkun qed tuża għodda kompletament differenti. Nieħdu gost nisimgħu dwar l-esperjenza u r-rakkomandazzjonijiet tiegħek.  Tista’ tgħidilna dwar l-esperjenzi tiegħek hawnhekk (link għall-blogg) billi tuża liema lingwa trid.

 


Toqgħodx tistenna; iż-żmien qatt mhu se jkun ‘eżatt kif tixtieq’.

Ibda minn fejn qiegħed, u aħdem bl-għodod li għandek f’idejk,

u ssib għodod aħjar inti u għaddej.”

 George Herbert, poeta minn Wales


Dan l-artiklu inkiteb minn Daniela Arghir, Ambaxxatur tal-eTwinning, Ir-Rumanija.

 

Box Top
  • Editur tal-Web: Claire Morvan
  • Ippubblikat: 03.08.2011
  • Mibdul l-aħħar: 03.08.2011
Box Bottom
Disponibbli wkoll bil-...

Il-Modules

Selected itemGħodod għas-Sottotitolaġġ: Eċċellenti għall-vidjos tal-eTwinning
Bullet listMYLO & Voki
Bullet listEurope ensemble
Bullet listMission Europe
Bullet listIltaqa’ mal-imsieħba tiegħek u ilgħab Tiftixa tal-Kliem – live!
Bullet listIltaqa’mal-imsieħba tiegħek permezz ta’ Voki
Box bottom
Box top
Bullet listIpprintja din il-paġna
Box bottom