Border left Border top
Ipprintja din il-paġna Print separator font size little Font size medium Font size large separator Button search
Border right

Helpdesk

picture


Ma tafx kif se tibda? Il-Helpdesk tad-Desktop lest biex jgħinek! L-informazzjoni ta’ hawn taħt għandha tgħinek tibda, issib il-problemi li tista’ tiltaqa’ magħhom, u tikseb l-appoġġ mill-NSS u s-CSS tiegħek.

 
Jekk ma ssibx it-tweġibiet fil-lista tas-suġġetti li hawn illinkjata hawn fuq, jew jekk sempliċiment tixtieq taqsam xi kwistjonijiet ma’ eTwinners oħra, tista’ tuża l-forum ta’ din is-sezzjoni fuq id-Desktop. Ftakar li dan il-forum partikolari fuq id-Desktop mhuwiex biex tfittex imsieħba!
 
 
 
Ir-reġistrazzjoni għall-eTwinning hija proċess  ta’ żewġ fażi: 
  1. Prereġistrazzjoni:  Daħħal id-dettalji personali tiegħek u agħżel password. Skont din l-informazzjoni, tintbagħatlet link tal-web lill-indirizz elettroniku li indikajt.
  2. Reġistrazzjoni sħiħa: Meta tikklikkja fuq il-link li tintbagħat lill-indirizz elettroniku tiegħek, tintalab aktar informazzjoni dwar l-iskola u l-attivitajiet tiegħek. Ladarba l-oqsma obbligatorji kollha jkunu mimlija, tista’ tiffinalizza r-reġistrazzjoni tiegħek u tkun tista’ tidħol fid-Desktop tiegħek permezz ta’ isem l-utent u l-password li għażilt waqt il-prereġistrazzjoni. 
N.B.: Fil-każ li ma tirċevix posta elettronika bil-konferma, iċċekkja fil-fowlder tal-Posta mhux Mixtieqa: jista’ jkun daħlet hemm. Jekk ma tkun tista’ ssib din il-posta elettronika mkien, ikkuntattja lis-Servizz t’Appoġġ Nazzjonali tiegħek. Terġax tirreġistra!
 
 
 
Ir-reġistrazzjoni hija miftuħa biss għall-għalliema li qed jaħdmu fi skola f’wieħed mill-pajjiżi Ewropej fejn l-eTwinning għandu Servizz t’Appoġġ Nazzjonali (ara l-lista sħiħa). Jekk m’intix għalliem, li taħdem fi skola f’wieħed mill-pajjiżi tal-eTwinning, l-aċċess tiegħek jiġi miċħud.
 
L-għalliema li huma interessati jieħdu sehem fi proġett tal-eTwinning, iżda li ma jistgħux jirreġistraw għax mhumiex parti mill-pajjiżi parteċipanti, jistgħu jiġu mistiedna bħala membri ta’ TwinSpace ta’ proġett eżistenti. Kuntatt għal dan għandu jsir minn barra l-Portal tal-eTwinning. 
 
 
 
Ikklikkja fuq ‘Insejt il-password?’ tinsab fil-kaxxa tal-login fuq il-paġna prinċipali tal-Portal tal-eTwinning (ara r-rokna leminija ta’ din il-paġna). Ittajpja l-indirizz elettroniku tiegħek li użajt għar-reġistrazzjoni imbagħad agħfas ‘issottometti’. Wara inti tirċievi d-dejta tal-login tiegħek u password ġdida bil-posta elettronika. 
 
Jekk ma tirċevix din il-posta elettronika, jew issib xi problema meta terġa’ tipprova tidħol, ikkuntattja lis-Servizz t’Appoġġ Nazzjonali tiegħek direttament.
 
 
 
Id-Desktop huwa l-qasam personali u privat tiegħek fl-eTwinning biex tagħmel kuntatt ma’ għalliema oħra tal-eTwinning u tingħaqad mal-attivitajiet differenti offruti (pereżempju, Attivitajiet ta’ Tagħlim, Gruppi tal-eTwinning, Kmamar tal-Għalliema u Proġetti). Id-Desktop huwa għall-istaff tal-iskola biss (għalliema, kapijiet tal-iskola, librara tal-iskola)! Jekk tirreġistra proġett tal-eTwinning, l-istudenti tiegħek ikollhom aċċess għal pjattaforma oħra msejħa t-TwinSpace.
 
  • PAĠNA PRINĊIPALI: Il-paġna prinċipali tagħtik ħarsa fuq fuq tal-attività tal-eTwinning (pereżempju, Riżorsi, Gruppi tal-eTwinning, Attivitajiet ta’ Tagħlim u l-eTwinning fil-pajjiż tiegħek) disponibbli fuq id-Desktop.  Għal aktar informazzjoni, tista’ tikklikkja fuq il-punt interrogattiv ħdejn it-titlu ta’ kull sezzjoni. 
  • PROFIL: Il-qofol tal-pjattaforma tal-eTwinning huwa l-kapaċità li tikkonnettja ma’ skejjel oħra, tinnetwerkja, issegwi l-iżvilupp professjonali u li ssib l-imsieħeb/imsieħba t-tajba biex tinvolvi lill-istudenti tiegħek fi proġett. Kull eTwinner għandu/għandha l-profil tiegħu/tagħha stess, li juri l-informazzjoni personali tagħhom, ġurnal, kuntatti, proġetti u kmamar tal-għalliema.  Kun żgur li taġġorna l-profil tiegħek regolarment!
  • PROĠETTI: L-għan tal-eTwinning mhuwiex biss li joffri sors kbir ta’ informazzjoni għall-għalliema, iżda wkoll biex jippermetti l-kollaborazzjoni bejniethom. Proġett tal-eTwinning huwa l-attività prominenti tal-eTwinning fejn tinvolvi lill-istudenti fi proġett kollaborattiv flimkien ma’ mill-anqas skola oħra minn pajjiż differenti. Fuq il-paġna tal-proġetti, tista’ tfittex għal proġetti eżistenti, toħloq proġetti ġodda u timmaniġġja dawk eżistenti.  
  • SIB ETWINNERS: Biex torganizza proġett, jew tinvolvi ruħek fil-komunità, ikollok tibda tinnetwerkja u tikkuntattja eTwinners oħra. Għalhekk din is-sezzjoni toffrilek l-għodod tat-tiftix kollha biex tagħmel dan, inklużi forums għat-tiftix tal-imsieħba u magni tat-tiftix kemm sempliċi kif ukoll dettaljati.
  • KMAMAR TAL-GĦALLIEMA: Jekk tixtieq tiddiskuti suġġetti speċifiċi tista’ toħloq kamra tal-għalliema tiegħek stess jew tingħaqad ma’ waħda diġà eżistenti. Dawn id-diskussjonijiet idumu biss perjodu qasir ta’ żmien (sa 3 xhur) biex l-għalliema jiddiskutu ideat u jimxu għal attivitajiet oħra tal-eTwinning. Iżda, jekk inti taħseb li l-Kamra tal-Għalliema tiegħek tista’ tibbenefika minn pjattaforma ta’ diskussjoni fuq medda twila, imbagħad tista’ ssir talba biex tinbidel fi Grupp tal-eTwinning, (ikkuntattja helpdesk@etwinning.net).
  • RIŻORSI: L-aħħar iżda mhux lanqas tista’ żżur il-qasam tar-Riżorsi, fejn tista’ tfittex riżorsi diġitali li ttellgħu minn eTwinners oħra kif ukoll riżorsi esterni li jidhru. Tista’ wkoll tikkontribwixxi għal dan il-qasam billi ttella’ r-riżorsi tiegħek stess bl-informazzjoni tad-drittijiet tal-awtur Creative Commons.
 
 
  1. KUN INFURMAT: Id-Desktop tal-eTwinning fih ħafna elementi u joffri ħafna possibilitajiet. Meta taċċessah għall-ewwel darba, jew meta jkollok xi mistoqsijiet dwar l-eTwinning, tista’ tikkonsulta l-Mistoqsijiet Komuni jew il-Linji Gwida li hemm fis-sezzjoni tal-għajnuna fuq il-portal tal-eTwinning. 
  2. SIR MAGĦRUF: Bħala membru ġdid tal-komunità tal-eTwinning huwa importanti tinforma lill-oħrajn dwarek innifsek, xogħlok u l-preferenzi tiegħek. Għalhekk, editja l-profil tiegħek u aġġorna b’mod regolari l-“eTwinning u jien: il-ġurnal tiegħi”. Jekk għadek m’intix interessat jew involut f’attività tal-eTwinning , tista’ tuża l-ġurnal bħala għodda ta' netwerking aktar ġenerali, biex tinforma lil għalliema oħra madwar l-Ewropa dwarek u dwar xogħlok. Wara, tista’ żżomm rekord tal-attivitajiet tiegħek relatati ma’ dak li inti interessat fih u/jew dak li qed tagħmel fl-eTwinning.
  3. KUN IKKONNETTJAT: Tista’ tuża l-għodda "Sib eTwinners" biex tfittex kollegi b’interessi simili u kwalifiki speċifiċi, li magħhom tista’ tagħmel kuntatt permezz tal-kanali ta’ komunikazzjoni differenti offruti fuq id-desktop tal-eTwinning. 
  4. IBDA AĦDEM: Meta tħossok lest u sibt il-kuntatti t-tajba tista’ tkompli billi tibda proġett ma’ msieħeb, tingħaqad ma’ Grupp tal-eTwinning , tattendi Attività ta’ Tagħlim online, toħloq/tingħaqad ma’ Kamra tal-Għalliema, eċċ. Hemm ħafna possibilitajiet, għalhekk ipprovahom.
 
 
 
Id-Desktop tal-eTwinning joffri numru kbir ta’ possibilitajiet biex tikkomunika ma’ għalliema oħra biex issib u tiltaqa’ ma’ msieħba għal proġetti futuri, taqsam esperjenzi u tippromwovi l-attivitajiet tiegħek. 
 
Fil-Kamra tal-Għalliema, tista’ tingħaqad f’diskussjonijiet ta’ terminu qasir dwar suġġetti speċifiċi. Tista’ tagħżel li tagħti ħarsa ġenerali tal-Kmamar tal-Għalliema li hemm disponibbli fuq il-Portal tal-eTwinning jew tfittex għal waħda jew oħrajn aktar speċifiċi skont l-interessi tiegħek. 
  • Kmamar tal-Għalliema Ristretti jistgħu jarawhom l-eTwinners kollha; iżda, biex tikkontribwixxi fihom wieħed irid ikun mistieden. 
  • Kmamar tal-Għalliema Pubbliċi huma miftuħa għall-eTwinners kollha biex jaraw u jikkontribwixxu fihom. Dawn il-Kmamar jistgħu biss jinħolqu mis-CSS u l-NSS.
Tista’ wkoll tikkuntattja lill-kollegi Ewropej billi ssir membru ta’ Grupp tal-eTwinning. Dawn huma pjattaformi ta’ diskussjonijiet fuq terminu twil, simili għall-Kmamar tal-Għalliema, iżda b’aktar għodod biex imantnu u jħaddmu attivitajiet fuq medda twila. 
 
N.B.: Il-Kmamar tal-Għalliema u l-Gruppi tal-Għalliema M’GĦANDHOMX ikunu użati għat-tiftix tal-imsieħba. Ovvjament, tista’ tiltaqa’ ma’ msieħba futuri fil-Kmamar jew Gruppi; iżda dan huwa effett sekondarju u messaġġi għat-tiftix tal-imsieħba fil-Kmamar u l-Gruppi mhumiex permessi.
 
Jekk qed tfittex imsieħeb direttament, tista’ tuża l-għodod tat-tiftix u l-forums fis-sezzjoni Sib eTwinners. Tista’ jew tibagħtilhom messaġġ direttament billi tikklikkja fuq l-envelop fin-naħa leminija fuq il-profil tagħhom, jew tikkummenta fuq entrata f’ġurnal tal-għalliema fejn tindika, pereżempju, esperjenzi simili, ħjiel jew l-interess tiegħek fi proġett li taħseb li jkun ta’ interess għalihom.
 
 
 
L-ewwel nett, iċċekkja biex tara jekk is-suġġett fil-kamra li qed tippjana li toħloq huwiex diġà qed jiġi diskuss f’kamra oħra. Evita li toħloq aktar minn kamra waħda dwar l-istess suġġett, inkella jinħoloq konfużjoni għal kulħadd.
 
Biex toħloq kamra ġdida, tista’ tagħżel ‘Oħloq kamra tal-Għalliema ġdida’ fis-sezzjoni ‘Il-Kmamar Tiegħi’.  Imla l-oqsma obbligatorji kollha u ssottometti l-entrata tiegħek. 
 
Meta toħloq Kamra, żgura li t-titlu jkun interessanti iżda ċar. Hekk ukoll, id-deskrizzjoni tal-Kamra għandha tkun iddettaljata u ċara għal dawk li jarawha. Tista’ tispjega x’qed tistenna mill-Kamra, min għandu jieħu sehem, it-tul ta’ żmien, eċċ.
 
Ladarba tinħoloq il-Kamra, għandek tippostja mill-anqas l-ewwel messaġġ tal-forum: din hija l-‘merħba’ lill-membri li se jaċċessaw il-Kamra. F’dan il-messaġġ, għandek tispjega x’għandu jsir (pereżempju, introduċi lilek innifsek, aqsam materjal, spjega x’taħseb li jista’ jsir fil-Kamra, eċċ.) u pprova kun konkret kemm jista’ jkun biex ikun aktar faċli biex ħaddieħor jikkontribwixxu.
 
Il-Kmamar huma viżibbli għall-eTwinners l-oħra biss jekk ikollhom mill-anqas żewġ membri. Għalhekk, li għandek tagħmel issa huwa li tistieden kollegi oħra; iżda, membri mill-kuntatti tiegħek biss jistgħu jkunu mistiedna direttament minnek.  Alternattivament, xi ħadd jista’ jitlob li jingħaqad mal-Kamra tiegħek,  u b’hekk bħala dak li tkun ħloqt il-Kamra, inti tirċievi notifika. Jekk tkun tixtieq taċċetta dawn il-membri l-ġodda, sempliċiment ikklikkja fuq ‘aċċetta’. 
 
 
 
 
Jekk inti ħloqt Kamra, għandek ir-responsabbiltà li tħaddimha u tista’ tieħu azzjonijiet differenti bħal testendi l-iskadenza tal-Kamra, teditja d-deskrizzjoni, tistieden kuntatti, tamministra l-membri u timmaniġġja l-forum. 
 
Bħala dak li ħloqt il-Kamra, inti tista’ tħassar messaġġi fil-forum. Dan għandek tagħmlu biss fil-każ li l-messaġġi ma jkunux jaqblu mal-għan tal-kamra (pereżempju, jekk huma talbiet għat-tiftix tal-imsieħba li posthom fil-fatt huwa fil-forums ‘Sib eTwinners’). Aħna nissuġġerixxu li inti tikkuntattja wkoll lill-awtur tal-messaġġ biex tispjega għaliex ħassart il-messaġġ tiegħu/tagħha.
 
 
 
 
Il-forums tad-Desktop tal-eTwinning xi drabi kienu fil-mira ta’ ‘posta mhux mixtieqa’.  li tgħabbi lill-għalliema b’għadd ta’ messaġġi ta’ tiftix ta’ msieħba jista’ jfixkel lill-komunità inġenerali u jwasslu lil ħaddieħor għall-frustrament.
 
Nixtiequ nitolbu lill-eTwinners kollha biex jevitaw milli jippostjaw l-istess messaġġ fuq forums differenti, mingħajr ma jikkunsidraw is-suġġett tal-Kamra tal-Għalliema jew tal-Grupp tal-eTwinning partikolari. Kull Kamra u Grupp għandu suġġett u għan (speċifikati fit-titlu u d-deskrizzjoni) u dan mhuwiex għat-tiftix tal-imsieħba jew għall-postings esaġerati. Jekk inti membru, aħna nissuġġerixxu li taqra l-messaġġi tiegħek bir-reqqa qabel tippostjahom billi mbagħad la tista’ tħassarhom u anqas teditjahom wara. 
 
Id-Desktop tal-eTwinning joffrilek il-possibilitajiet kollha biex tiftaħ jew tingħaqad f’diskussjonijiet dwar suġġetti speċifiċi kif ukoll jipprevedi għodod addizzjonali għat-tħaddim ta’ tiftix avvanzat għal imsieħba prospettivi.  F’dan is-sens, anqas għaġeb jissarraf f’aktar suċċess!
 
Meta tuża l-għodod b’mod tajjeb u b’rispett, u tidentifika s-suġġetti tal-forums differenti, inti tkun tista’ tieħu sehem fid-diskussjonijiet u ssib imsieħba għal proġetti fil-ġejjieni b’mod effiċjenti u effettiv. 
 
Jekk taħseb li xi ħadd qed jibgħat ‘posta mhux mixtieqa’, tiddejjaqx tibgħat messaġġ biex tidderiġihom fid-direzzjoni t-tajba, jiġifieri lejn qasam differenti tad-Desktop. Forsi tixtieq tiċċekkja preżentazzjoni li għamilna bil-kwistjonijiet prinċipali jkunu relatati man-Netiquette tal-eTwinning .
 
 
 
L-ewwel nett, tista’ ddur fuq sħabek l-eTwinners, billi kollha jistgħu jgħinuk skont l-esperjenzi tagħhom fuq id-Desktop tal-eTwinning u bħala kordinaturi tal-proġetti. Tista’ titlobhom l-għajnuna billi tibagħtilhom messaġġ personali jew, meta disponibbli, billi tippostja mistoqsija f’Kamra tal-Għalliema jew Grupp tal-eTwinning relevanti. 
 
jekk ma tistax tikseb it-tweġibiet jew l-informazzjoni li qed tfittex mingħand il-kollegi tiegħek, tista’ tiċċekkja l-Mistoqsijiet Komuni u l-linji gwida fis-sezzjoni tal-għajnuna fuq il-Portal tal-eTwinning. 
 
Meta l-informazzjoni online ma tkun ta’ għajnuna biex issolvilek il-problemi tista’ tikkuntattja lis-Servizz t’Appoġġ tal-eTwinning:
 
  • Ikkuntattja lis-Servizz t’Appoġġ Nazzjonali tiegħek għal kull kwistjoni pedagoġika (pereżempju, ideat għal proġetti, maniġment tal-proġetti) mistoqsijiet prattiċi dwar id-Desktop tal-eTwinning u t-TwinSpace, jew kwistjonijiet tekniċi (pereżempju, ismijiet tal-utent u passwords, illoggjar li ma jirnexxix, bidla fid-dejta u xogħlijiet oħra relatati mat-tħaddim tal-għodda). 
  • Għal mistoqsijiet relatati mal-kontenut tal-Portal tal-eTwinning jew attivitajiet fil-livell Ewropew, tista’ tikkuntattja lis-Servizz t’Appoġġ Ċentrali.
Box Top
  • Editur tal-Web: Christina Crawley & Annick Van der Velde
  • Ippubblikat: 23.05.2011
  • Mibdul l-aħħar: 19.12.2011
Box Bottom
Disponibbli wkoll bil-...

Help

Selected itemHelpdesk
Bullet listMistoqsijiet u Tweġibiet
Bullet listGuidelines
Bullet listSettings tal-kompjuter
Box bottom
Box top
Bullet listIpprintja din il-paġna
Box bottom