Mistoqsijiet u Tweġibiet
Ikseb it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li għandek dwar l-eTwinning. |
ASPETTI ĠENERALI
REĠISTRAZZJONI
TIFTIX GĦALL-IMSIEĦBA
NAĦDMU FLIMKIEN
L-ASPETT TEKNIKU
PREMJIJIET
AVVENIMENTI
ASPETTI ĠENERALI
X’inhu l-eTwinning?
L-eTwinning hija l-Komunità għall-iskejjel fl-Ewropa. L-għalliema mill-pajjiżi parteċipanti kollha jistgħu jirreġistraw u jużaw l-għodod online tal-eTwinning (il-Portal u d-Desktop) biex isibu lil xulxin, jiltaqgħu virtwalment, jiskambjaw ideat u jipprattikaw eżempji, jingħaqdu fi gruppi, jitgħallmu flimkien f’Attivitajiet ta’ Tagħlim u jieħdu sehem fi proġetti bbażati online.
X’inhu Proġett tal-eTwinning?
Skejjel minn mill-anqas żewġ pajjiżi Ewropej differenti joħolqu proġett u jużaw it-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) biex iwettqu xogħolhom. Billi l-iskejjel jikkomunikaw permezz tal-Internet,
m’hemmx għotjiet jew kondizzjonijiet amministrattivi konnessi mal-iskema u laqgħat wiċċ imb wiċċ mhumiex meħtieġa.
X'nista' nagħmel fi proġett ta' l-eTwinning?
Tistgħu taħdmu fuq kwalunkwe proġett li inti u l-imsieħba tiegħek tagħżlu. Ikun tajjeb jekk il-proġett jkollhom bilanċ tajjeb ta' l-użu ta' l-ICT u ta' l-attivitajiet tal-klassi, irid jidħol tajjeb fil-kurrikula nazzjonali ta' l-iskejjel li jkunu qed jipparteċipaw fil-proġett.
Irrid inkun tajjeb ħafna fl-ICT biex ninvolvi ruħi?
Dażgur li le! Wieħed mill-għanijiet ta' l-eTwinning huwa li ntejbu l-kapaċitajiet ta' l-għalliema fit-tħaddim ta' l-ICT u li ndaħħluh fil-ħajja ta' kuljum tal-klassi. L-eTwinning huwa ideali għall-livelli kollha ta' ħiliet fl-ICT.
Min jista' jieħu sehem?
Proġett ta' l-eTwinning jista' jitwettaq minn tnejn jew aktar għalliema, timijiet t'għalliema jew dipartimenti ta' suġġetti, librara, kapijiet ta' skejjel u studenti minn skejjel minn madwar l-Ewropa. Il-kollaborazzjoni tista' tkun f'suġġett wieħed jew kross-kurrikulari permezz ta' l-użu ta' l-ICT.
Skejjel kindergarten, primarji, sekondarji, jew post-sekondarji jistgħu jieħdu sehem (etajiet ta' l-istudenti minn 3 sa 19-il sena).
Liema pajjiżi jagħmlu parti fl-eTwinning?
L-eTwinning jitħaddem fost l-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni Ewropea: l-Awstrija, l-Belġju, l-Bulgarija, Ċipru, r-Repubblika Ċeka, d-Danimarka, l-Estonja, l-Finlandja, Franza, l-Ġermanja, l-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, l-Latvja, l-Litwanja, l-Lussemburgu, Malta, l-Polonja, l-Portugall, ir-Rumanija, s-Slovakkja, s-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, l-Olanda u r-Renju Unit. Barra minn hekk, il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, l-Iżlanda, in-Norveġja u t-Turkija jistgħu jieħdu sehem ukoll.
REGISTRAZZJONI
X'jiġri meta nirreġistra għall-eTwinning?
Tingħata login u password li jippermettulek tidħol fid-Desktop ta' l-eTwinning personali tiegħek (ara l-FAQ ta' l-għodod) fejn ikollok aċċess għal diversi għodod għat-tiftix tal-imsieħba, biex tikkomunika magħhom, u biex tibda proġett/i.
X'jiġri meta nirreġistra proġett ta' l-eTwinning?
Tingħata TwinSpace għall-proġett li huwa spazju privat għalikom online. Dan it-TwinSpace tistgħu taċċessawh inti u l-imsieħba tiegħek bħala amministraturi tiegħu. Wara tkun tista' tistieden lill-istudenti biex ikollhom aċċess bħala membri. Tingħata wkoll il-Label ta' l-eTwinning li tista' ssibha fid-Desktop tiegħek.
Liema lingwa għandi nuża?
Meta tirreġistra fil-portal ta' l-eTwinning, tista' tuża liema lingwa trid għax l-informazzjoni kollha hija tradotta. Meta tiġi għall-idea tal-proġett tiegħek, iżda, uża lingwa aktar użata (eż. L-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż). DIn l-informazzjoni ma tkunx tradotta, għaldaqstant nissuġġerulek tagħżel lingwa li tagħmilha aktar faċli li skejjel oħra jifhmuk.
Irreġistrajt imma ma nistax insib lill-iskola tiegħi mit-TwinFinder. Għaliex?
Dan huwa normali! It-TwinFinder huwa maħsub biex inti ssib imsieħba; għaldaqstant l-ebda skola minn pajjiżek (inkluża dik tiegħek) m'hi ser tidher fir-riżultati. Jekk trid tara jekk l-iskola tiegħek hix fis-sistema, tista' ssibha fil-Mappa ta' l-eTwinning.
Kif nista' nirreġistra l-proġett?
Żid l-imsieħba tiegħek fit-taqsima 'Il-Kandidati Tiegħi'. Minn hemm, klikkja l-icon "twin Up" li tidher ma' ġenb isem l-imsieħeb. Imla l-formola (NB. Wieħed mill-imsieħba biss għandu jimla l-formola). La darba tkun bgħatt il-formola l-imsieħeb tiegħek jirċievi messaġġ u jkun mitlub japprova t-talba tiegħek (biex jagħmel dan, l-imsieħeb tiegħek ikun irid jidħol fid-desktop tiegħu u jsegwi l-istruzzjonijiet li jsib hemm). Meta l-proġett ikun aċċettat, l-informazzjoni tkun mibgħuta lis-Servizzi t'Appoġġ Nazzjonali taż-żewġ pajjiżi li min naħa tagħhom japprovaw jew jirrifjutaw il-proġett fi żmien sebat ijiem. Meta dan isir, tirċievu notifika u tkunu tistgħu tibdew taħdmu minn dak il-mument.
Biex iżżid imsieħba oħrajn mal-proġett, segwi l-istess proċedura, imma minflok toħloq sħubija ġdida billi timla l-formola, żidhom mal-proġett eżistenti.
Huwa possibbli li tkun involut f'ħafna proġetti fl-istess ħin?
Iva, imma trid tindika dan meta tirreġistra l-iskola. Ittikkja l-kaxxa "Triq li jkollok aktar minn proġett wieħed" waqt ir-reġistrazzjoni.
Jiena u l-imsieħba tiegħi nixtiequ nirreġistraw proġett ieħor. Kif nistgħu nagħmlu dan?
Biex inżidu proġett fi sħubija eżistenti, mur fil-"Profil" -> "Immaniġġja l-Proġetti" u klikkja fuq il-buttuna "Żid" biex iżżid proġett permezz tal-formola online. NB: Jekk m'għadkomx qed taħdmu fuq il-proġett l-antik, tista' tagħlqu minn din it-taqsima.
TIFTIX GĦALL-IMSIEĦBA
Kif ser insib imsieħba għall-proġett tiegħi?
Uża t-“TwinFinder” mid-Desktop tiegħek biex tfittex għal imsieħba. Tista’ tgħaqqad diversi kriterji biex tfittex aktar bir-reqqa. Ikkuntattja lill-iskejjel permezz taċ-ċett u tista' wkoll tuża l-"Forum għat-Tiftix tal-Imsieħba" biex tibgħat u taqra messaġġi.
SUĠĠERIMENT: Meta tikkuntattja msieħba potenzjali, kun żgur li tqis li tagħti l-informazzjoni b-lingwa wżata ħafna (eż. l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż) jew inkella b'aktar minn lingwa waħda.
Kemm jista' jkun hemm imsieħba fl-istess proġett?
M'hemmx limitu għan-numru ta' msieħba fi proġett; madankollu, oqogħdu attenti li ma jkunx hemm iżżejjed għax ikollok ir-riskju li titilfu kont ta' l-attivitajiet.
Fejn nista' nara liema skejjel minn pajjiżi huma rreġistrati għall-eTwinning?
Mur fil-Mappa ta' l-eTwinning, agħżel il-pajjiż tiegħek u tara lista ta' skejjel reġistrati u ta' sħubijiet minn pajjiżek. Biex tara d-dettalji sħaħ illoggja fid-desktop u fittex permezz tat-TwinFinder.
NAĦDMU FLIMKIEN
X'inhu t-TwinSpace?
It-TwinSpace hija pjattaforma li l-iskejjel jistgħu jużaw biex jaħdmu flimkien fuq il-proġett tagħhom. Kull proġett ikollu t-TwinSpace privat tiegħu li jkun disponibbli minn ġewwa d-Desktop għall-imsieħba u mill-paġna ewlenija tal-portal għall-dawk li jkunu mistiedna.
It-TwinSPace joffri numru ta' għodod għall-kollaborazzjoni u l-kommunikazzjoni li jinkludu kamra taċ-ċett privata miftuħa 24 siegħa kuljum (eż. l-istudenti jkunu jistgħu jiċċettjaw mal-imsieħba tagħhom anki wara l-iskola f'ambjent online li huwa sigur), kaxxa postali, forums u kalendarju. Tkunu tistgħu ukoll taħżnu materjal li qed tużaw fil-proġett f'arkivji u fowlders u tużaw it-TwinSpace biex tgħaddu informazzjoni bejn l-għalliema u l-istudenti.
L-imsieħba fi proġett huma awtomatikament amministraturi tat-TwinSpace. L-istudenti - u anki għalliema u kollegi oħra - jkunu jistgħu jiġu mistiedna biex isiru membri tat-TwinSpace. Jekk tkun tixtieq, tkun tista' tagħmel lil xi membri amministraturi wkoll (eż. jekk tkun trid li l-istudenti jkunu responsabbli għall-istruttura tat-TwinSpace u li jkunu jistgħu itellgħu affarijiet).
Kif nidħol fit-TwinSpace tal-proġett? Kif jidħlu l-istudenti?
Bħala imsieħeb fil-proġett, tidħol għat-TwinSpace mid-Desktop tiegħek. L-istudenti tiegħek jidħlu fit-TwinSpace direttament minn www.etwinning.net billi jużaw l-ismijiet tal-utenti u l-passwords tagħhom.
Liema lingwi għandi nuża għall-proġett?
Tista' tagħżel liberament; dan tiddeċiduh inti u l-imsieħba l-oħra. L-informazzjoni fuq il-portal ta' l-eTwinning u l-għodod huma disponibbli f'21 lingwa (NB. dan jista' jkun t'għajnuna għall-istudenti meta jkunu qed jidħlu fit-TwinSpace).
Kont qed naħdem fuq proġett ma' skola. Għal xi raġuni ma nistax nagħmel kuntatt magħhom u l-messaġġi li nibgħat qed jibqgħu mingħajr tweġiba. X'nagħmel?
Ipprova ikkuntattja l-iskola b'sistemi differenti (mhux biss bl-email imma anki permezz tat-telefon jew tal-fax) biex tara x'ġara. Hu paċenzja: jista' jkun hemm diversi raġunijiet (btajjel, żmien meta jkun hemm ħafna xogħol, mard, eċċ). Ipprova ifhem is-sitwazzjoni biex tagħmlu mill-aħjar biex tkomplu l-proġett. Bħala l-aħħar triq, ikkuntattja lill-NSS tiegħek biex tara jistgħux jgħinuk.
L-ASPETT TEKNIKU
Insejt il-password. X'nista' nagħmel?
Ikklikkja fuq "Insejt il-Password?" fil-kaxxa tal-login fil-paġna ewlenija tal-portal. Daħħal l-indirizz ta' l-email li użajt meta rreġistrajt u agħfas "Ibgħat". Wara dan tirċievi d-dettalji għal-login u password ġdida.
Wieħed mill-istudenti tiegħi nesa l-password tat-TwinSpace. Kif nista' nsib x'kienet?
Jekk użajt l-indirizz ta' l-email meta stedintu, daħħal l-indirizz fil-kaxxa "Insejt il-Password?" u mbagħad jirċievi l-password il-ġdida. Jekk użajt indirizz ta' l-email li ma jeżistix meta stedintu, ikollok terġa' tistiednu mill-ġdid.
SUĠĠERIMENT: meta tistieden lill-istudenti għat-TwinSpace, żomm fajl separat b’isem l-utenti u l-passwords.
Ippruvajna nbiddlu d-dettalji tal-persuna ta' kuntatt fil-Profil. Issa la l-ġdid u lanqas l-antik ma jistgħu jidħlu. X'nagħmlu?
Tista' tikseb l-informazzjoni għal-login billi tikklikkja fuq "Insejt il-Password?" fil-kaxxa tal-login. Segwi l-istess proċedura daqs li kieku insejt il-password.
M'għadnix naħdem fl-iskola. Kif nista' nneħħi lili nnifsi mil-portal?
Jekk m'għadekx taħdem fi skola, tista' tneħħi lilek innifsek mil-lista billi tilloggja fid-Desktop, tmur fil-"Profil", u tiddiżattiva l-kont tiegħek.
Biddilt l-iskola u nixtieq nittrasferixxi l-profil tiegħi għall-iskola l-ġdida.
Jekk biddilt l-iskola, tista' tiddiżattiva l-profil ta' l-ewwel skola u mbagħad toħloq rabta ma' skola ġdida permezz tad-Desktop: Profil /Immaniġġja l-Profil ta' l-Utent / Immaniġġja l-profil ta' l-iskola.
Fejn nista# nsib aktar informazzjoni dwar l-Għodod ta' l-eTwinning?
Aqra l-FAQ dwar l-Għodod ta' l-eTwinning li ssib fuq id-Desktop ta' l-eTwinning!
PREMJIJIET
X'inhi l-label ta' l-eTwinning?
Il-Label ta' l-eTwinning hija mogħtija lill-proġetti li jkunu approvati mis-Servizzi t'Appoġġ Nazzjonali fil-pajjiżi li jkunu qed jieħdu sehem. L-iskejjel li jirreġistraw sħubija jingħataw il-label ta# l-eTwinning sa mhux aktar minn ġimgħa wara li jirreġistraw.
X'inhi l-Label ta' Kwalità?
Il-Label ta' Kwalità tkun mogħtija fuq il-livell nazzjonali. Filwaqt li l-label ta' l-eTwinning hija xi ħaġa li l-imsieħba fi proġett jingħataw b'mod awtomatiku meta l-proġett tagħhom ikun approvat, il-Label ta' Kwalità hija xi ħaġa li trid tapplika għaliha. Jekk ikollok proġett ta' suċċess u taħseb li huwa dehen tal-Label ta' Kwalità, imla l-formola li hemm fuq id-Desktop tiegħek taħt 'Labels'. Is-Servizz t'Appoġġ Nazzjonali tiegħek imbagħad jevalwa l-applikazzjoni. Għal aktar informazzjoni, ikklikkja hawn.
X'inhi l-Label Ewropea ta' Kwalità?
Il-Label Ewropea ta' Kwalità hija mogħtija fuq livell Ewropew. Jekk inti u mill-anqas wieħed ieħor mill-imsieħba tiegħek (fil-każ li jkun hemm aktar minn tnejn) tkunu rċevejtu l-Label ta' Kwalità, tingħataw ukoll il-Label Ewropea ta' Kwalità. Din il-Label tkun mogħtija darbtejn fis-sena mis-Servizz Ċentrali t'Appoġġ.
X'inhuma l-Premjijiet ta' l-eTwinning?
Il-Premjijiet Ewropej ta' l-eTwinning ikunu mogħtija lill-iskejjel li jkollhom proġetti ta' l-eTwinning ta' kwalità għolja. Hemm tliet kategoriji skond l-etajiet: 4-10, 11-15 u 16-19. Applikazzjonijiet għall-Premjijiet Ewropej jintlaqgħu fil-ħarifa għall-proġetti li jkunu saru matul is-sena ta' qabel. Il-premjijiet ikunu mogħtija lir-rebbieħa fil-Konferenza Annwali ta' l-eTwinning li ssir fir-rebbiegħa ta' wara.
Il-Premjijiet ta' l-eTwinning jistgħu ikunu mogħtija wkoll fuq il-livell nazzjonali. Biex tara kif isir dan f'pajjiżek, ikkuntattja lis-Servizz t'Appoġġ Nazzjonali.
AVVENIMENTI
X'inhuma l-Workshops għall-Iżvilupp Professjonali? Kif nista' nieħu sehem?
L-informazzjoni dwar il-Workshops għall-Iżvilupp Professjonali tista' tinstab fuq il-websajt ta' l-eTwinning. Dawn il-workshops ikunu organizzati f'diversi pajjiżi Ewropej u l-għan tagħhom huwa li jintroduċu lill-għalliema lill-proġetti ta' l-eTwinning u li jgħinuhom isibu imsieħba minn pajjiżi differenti.
Jekk tkun tixtieq tieħu sehem f'workshop, ikkuntattja l-NSS tiegħek għal -aktar informazzjoni.
X'inhi l-Konferenza Annwali ta' l-eTwinning?
Il-Konferenza Annwali ta' l-eTwinning issir matul ir-rebbiegħa (bejn Frar u Marzu). L-għan ewlieni tal-konferenza huwa li tiddiskuti l-passat u l-futur ta' l-eTwinning u li tiċċelebra s-suċċess permezz taċ-ċerimonja ta' l-għoti tal-Premjijiet ta' l-eTwinning.
Il-Parteċipanti fil-konferenza huma magħżula mis-Servizz Nazzjonali t'Appoġġ ta' kull pajjiż.
 |
- Editur tal-Web: Christina Crawley
- Ippubblikat: 26.08.2008
- Mibdul l-aħħar: 28.02.2010
|
 |
|